POETENLADEN - neue Literatur im Netz - Home
 
 
 
 
 
 
 
Norbert Bugeja
Tango għat-Turġien tal-Belt Valletta

 

I.
Preludju għall-Belt ta’ Taħtna


Sakemm intbaħna li dil-belt magħluqa,
lħaqna dħalna.

Qabel ma ħarrket xoffitha
qabel ma bbiesu subgħajha
qabel m’għajnejha tbaxxew
ilħaqna rfisna l-warda ta’ wiċċha,
ilħaqna kejjilna triq triq
is-subborgi mżellġa t’għajnejha,
ġisimha mtarraġ
u l-junkie tal-Blue Angel abjad karti
iqabbeż l-istess vina darbtejn f’ġimgħa.

Għax għidli int,
kien qalli,
l-ilsna ta’ din il-belt ma jaħfru ’l ħadd –
kk jarawk ma’ raġel jgħidu li int pufta
’kk jarawk ma’ mara jgħidu l’int nittien.
Jekk jarawk waħdek jgħidu – ħadd ma jridu,
u ’kk jarawk miegħi jgħidu l’int għażżien.


Iss’għidli int, ja belt
li taf kull toqba li ħaffirt f’idejja,
dmugħ dan jew heineken
li nieżel ma’ ħaddejja?


U bqajna niżlin ’l isfel, ġo fik,
fl-imperu bla qies ta’ xewqatek,
Welcome to our Country
u l-bqija tal-ħrejjef imsefsfin fid-dalma –
turġien imlaħalħin,
purtieri miftuħin
jew kabarè bħal tazza nbid imferrxa.
Għajnejna jitgerrbu,
muniti mdellka minn taħt l-art
bakkanalja
saħħitna tħarħar bħal vjolin magħkus,
il-waħx itir
fl-istejjer ta’ żgħożitna,
ħajjitna tivvjaġġa fuq xafra ta’ mus …

Kultant kien jilmaħ magna tar-ritratti
u jibqa’ jħares lejha, iċċassat
bħal xiħ jixxennaq lejn it-tabernaklu
mballat bl-għejun tal-ħolm u tax-xewqat –

ħanini, ħanini
mindu tlaqt int,
kif tħarbtu t-toroq ta’ din il-belt!

 

Norbert Bugeja    26.03.2008

Norbert Bugeja
Lyrik